Aqra Kuljum, Kull Fejn Tkun!’ Il-Qaritona Nazzjonali 2023

“Aqra Kuljum, Kull Fejn Tkun!” huwa s-slowgan magħżul għas-sitt edizzjoni tal-Qaritona Nazzjonali ta’ din is-sena, organizzata mill-Malta Trust Foundation flimkien mal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu bl-appoġġ ta’ Malta Public Transport. Waqt it-tnedija uffiċjali, ġie żvelat il-mascot tal-Qaritona ‘Ben il-Ballottra’ – karattru li jħobb jaqra, avventuruż u moħħu jilħaqlu.

L-għan tal-Qaritona hu li nħeġġu lit-tfal jieħdu gost jaqraw iktar u fl-istess ħin inrawmu fihom sens ta’ solidarjetà permezz ta’ ġbir ta’ fondi għal tfal b’abbiltajiet differenti. Permezz tal-fondi miġbura mill-Qaritona u l-kontribut finanzjarju ta’ diversi sponsors, qed jinxtara apparat speċifiku għal tfal neqsin mid-dawl u tfal fuq l-ispettru tal-awtiżmu li ma jkunux jistgħu jikkomunikaw bit-taħdit. Dan l-apparat speċifiku jgħin fl-iżvilupp edukattiv ta’ dawn it-tfal billi jgħinhom jikkomunikaw aħjar.

Biex niċċelebraw il-kollaborazzjoni mal-Malta Public Transport, studenti tas-sitt sena mill-Iskola Primarja ta’ Santa Venera tal-Kulleġġ Santa Tereża, ħadu sehem f’ċelebrazzjoni ta’ qari fuq ix-xarabank tal-Qaritona. It-tfal kellhom l-opportunità jiltaqgħu mal-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, l-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca u l-Ambaxxaturi tal-Qari Carmel Busuttil, Saviour Darmanin, Keith Demicoli, Taryn Mamo Cefai u Nicole Vella.
Din is-sena qegħdin inħeġġu lill-iskejjel kollha jorganizzaw ċelebrazzjoni ta’ qari jisimha ‘Erħi Kollox u Aqra!’(Drop Everything and Read!) waqt it-tielet term tas-sena skolastika. Fil-ġurnata tal-attività, magħżula mill-iskola, l-istudenti se jintalbu jġibu magħhom il-ktieb favorit jew dak li jkunu qegħdin jaqraw. L-iskola tista’ tħeġġeġ lill-istudenti jilbsu ta’ karattru għal qalbhom minn storja jew ktieb, u kull klassi torganizza attivitajiet marbuta mal-qari. Ben il-Ballottra, flimkien mal-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca, il-Ministru Grima u l-Ambaxxaturi tal-Qari, se jipparteċipaw waqt l-attivitajiet billi jżuru l-klassijiet, jaqraw lit-tfal u jaqsmu l-istejjer tagħhom.

Il-Malta Trust Foundation u l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu qegħdin jagħmlu appell lill-iskejjel kollha biex jipparteċipaw fis-sitt edizzjoni tal-Qaritona. Iktar dettalji dwar kif li-iskejjel jistgħu japplikaw għall-Qaritona qegħdin fiċ-ċirkulari DLAP 040/2023 li ħarġet l-Aġenzija.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima tkellem dwar l-importanza tal-qari bħala parti mill-ħajja ta’ kuljum tal-istudenti u wkoll li t-tfal minn età żgħira jieħdu ħsieb li jgħinu lil ta’ madwarhom.

“Dan huwa avveniment b’sinifikat importanti ħafna, għaliex permezz tiegħu qed inkomplu nrawmu l-imħabba fit-tfal għall-qari, imma wkoll li nenfasizzaw l-importanza li naħsbu f’dawk ta’ madwarna,” qal il-Ministru Clifton Grima. Huwa kompla jgħid li, “Hija l-missjoni ewlenija tagħna bħala gvern li naraw li kull forma ta’ edukazzjoni tasal għand kulħadd, u l-qari huwa parti importanti minn din l-edukazzjoni. Din hija waħda mill-prijoritajiet tiegħi bħala l-Ministru responsabbli mill-edukazzjoni tat-tfal tagħna,” qal il-Ministru Grima.

Iċ-Chairperson ta’ The Malta Trust Foundation, l-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca tkellmet dwar l-importanza li t-tfal jitgħallmu japprezzaw il-valur li għandu l-qari, filwaqt li jieħdu sehem f’inizjattivi biex jgħinu lil tfal oħra bħalhom li huma fil-bżonn. Hi spjegat li l-qari hu għodda importanti li jgħin biex it-tfal ikomplu jitgħallmu, kemm akkademikament u anke fil-mod kif jesprimu ruħhom u jikkomunikaw. Min-naħa l-oħra, qalet li hu importanti li t-tfal jitgħallmu minn żgħar ikunu responsabbli u jaħsbu fi sħabhom li jista’ jkollhom bżonn min jgħinhom.

Recent Article

Related Article

Skip to content