The Malta Trust Foundation testendi s-servizzi ta’ Blossom fi tliet skejjel oħra

The Malta Trust Foundation qiegħda testendi l-proġett Blossom fi tliet skejjel oħra – fiż-żewġ skejjel tal-Primarja f’Ħal Qormi u fl-iskola Primarja fiż-Żurrieq.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, iċ-Chairperson ta’ The Malta Trust Foundation, l-Eċċellenza Marie-Louise Coleiro Preca ħabbret li dan il-proġett ta’ counselling u psikoterapija fl-iskejjel, li beda fl-2016 u li kien proprju l-ewwel proġett tal-Fondazzjoni, ħalla impatt pożittiv kbir fuq aktar minn 670 tifel u tifla, żgħażagħ, il-familji tagħhom, kif ukoll fuq il-ħaddiema tal-iskejjel.
Marie-Louise Coleiro Preca spjegat ukoll li n-nuqqas ta’ appoġġ psiko-soċjali fl-etajiet żgħar iħalli impatt dirett fuq il-benesseri u s-saħħa mentali tat-tfal fis-snin ta’ wara u għalhekk spjegat kif dan l-investiment fit-tfal minn meta jkunu żgħar se jagħtihom iċ-ċans li jikkontrollaw ħajjithom aħjar u jiżviluppaw b’mod sħiħ.
Sal-lum is-servizzi ta’ Blossom kienu qegħdin jingħataw fl-iskola primarja ta’ San Pawl u fl-iskola primarja tal-Qawra, fil-middle school tan-Naxxar u fl-iskola primarja ta’ Birżebbuġa.

Permezz ta’ Blossom qed jiġi żgurat li s-servizz ta’ counselling u psikoterapija qiegħed jingħata b’mod konsistenti, regolari u f’waqtu. Dan qed isir billi nħolqu prattiċi sistematiċi fl-iskejjel li permezz tagħhom, il-counsellors qegħdin jilħqu saħansitra l-familji u b’dan il-mod jinħoloq pjan ħolistiku ta’ sapport emozzjonali, kemm għall-istudenti, kif ukoll għall-familja tagħhom. Fl-istess waqt, il-proġett Blossom qed iservi wkoll biex jipprovdi appoġġ lill-għalliema f’dak il-waqt li jkollhom bżonnu. Dan kollu qed iwassal biex b’konsegwenza ġiet affettwata l-prestazzjoni akkademika tal-istudenti in ġenerali.
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima li tkellem dwar is-servizzi li jingħataw fl-iskejjel mit-tim ta’ gwida u konsulenza tal-Ministeru, filwaqt li faħħar l-inizjattiva ta’ Blossom li qiegħda tagħmel ħafna ġid fost l-istudenti.

“Minn proġett f’erba’ skejjel, il-Fondazzjoni qed testendi dan is-servizz f’aktar skejjel biex jintlaħqu aktar studenti. Infaħħar din l-inizjattiva li qed tara ħidma u sinerġija bejn il-Ministeru u The Malta Trust Foundation li qed tħalli impatt pożittiv ferm fis-settur edukattiv u fost l-istudenti,” qal il-Ministru Grima.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ġie ffirmat ukoll ftehim mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi li se jkunu qegħdin jinvestu fil-proġett u jkopru parti mill-fondi li hemm bżonn biex jitħaddem dan il-proġett.

Recent Article

Call for Volunteers

The Malta Trust Foundation is looking for volunteers who want to be part of the Programm Tbissima Team. About Programm Tbissima:...

Related Article

Skip to content